Bħalissa m'għandix aptit nisma' ġazz
1.QRID #145
U xi drabi dik l-għanja perennjali ta' qrid eżistenzjali terġa' tfiġġ....
Biex tfakkarni li l-ħajja m'hijiex daqshekk sempliċi wara kollox.
Biex tistaqsini jekk posti hux veru hawnhekk, f'belt li jien ma tantx niddentifika ruħi magħha, għalkemm ma nistgħax ngħid li jien imdejjaq lanqas.
Biex tfakkarni li m'għandix nissottovaluta l-klima ta' pajjiż u ma noħodhiex bi kbira jekk is-sħab griż pariġin li nilmah kull filgħodu jqabbadni l-biki.
U biex tgħidli li forsi hemm bżonn li nagħżel triq, mhux noqgħod nitbandal bejn ħajja austere ta' mużiċist li jdoqq mużika daqsxejn oskura li ma tantx tappella għal ħafna nies, u dik il-ħajja ta' xalar epikurjan ħedonist. Żewġ ħajjiet li forsi ma jmorrux id f'id xulxin, la finanzjarment lanqas fl-ideoloġija.
Jew forsi nsib kompromess ħa.
2.MUŻIKA
U bħalissa m'għandix aptit nisma' ġazz. Wara snin ta' walkmen, discmen, u issa iPod, xi 400 CD u 30Gb mp3s, widnejja qed jistaqsu għal xi ħaġa ġdida. U fil-fatt bħalissa ħlief soul, funk u brażiljan m'iniex nisma'. Issa qisni qsamt l-mużika f'żewġ familji - 1. mużika efemera, li għalkemm tkun veru tajba, ġeneralment wara ġimgħatejn smigħ frenetiku tqażżek u titfagħha fuq l-ixkaffa, tevapora fil-kontemporanjeta' tagħha. Li huwa l-każ ta' l-aħħar album ta' Uri Caine - Shelf Life (mit-titlu qishu fehem kollox is-sur Caine) -2. mużika li titraxxendi kollox, kull perjodu, kull epoka, kull trend, u li qatt ma xxebbgħak, li tikkorespondi għall-kull ħin tal-ġurnata, kull burdata. U l-lista tiegħi tinkludi 'l Thelonious Monk, Led Zeppelin, Miles Davis, Bill Evans, u hija pjuttost twila. Imma Monk u l-kumpanija bħalissa jistgħu idumu jħabtu fuq il-bieb ta' barra, għax il-playlist hija okkupata minn Sly Stone, Earth Wind and Fire , Joyce, Dori Caymmi.

3.PROĠETTI
Fl-aħħar ta' dax-xahar għandi tliet recordings bi tliet gruppi differenti. Recording ġdid tal-kwintett ġdid fjamant tiegħi b'kompożizzjonijiet ġodda. Direzzjoni ġdida pjuttost ferrieħa, "mużika ottimista xi drabi spastika" nsejħilha jien. Dal-grupp qed inżanżnu bil-mod darba kull ġimagħtejn f'dal-post jishmu les 2 singes (iż=żewġ xadini) għal min jitħajjar jiġi. Birra m'hiex għolja - 2E50 u sid il-post ġieli jitbissem. Recording ieħor mal-grupp ta' Nico Gori, jekk jirnexxielna naghmluha sa l-istudio, għax meta s-sur Gori jkun f'dawn l-akkwati ikollna nfasslu redefinizzjoni tal-kelma "ħedoniżmu". U fl-aħħar recording ieħor ta' proġett ġdid ta' mużika brażiljana strumentali, chorinho, baiao u dan-nejk, ma' rhythm section mill-ifjen. Intella' xi wħud fuq dal-blogg la jkunu lesti.
4.SOPPA MISO
Qed nipprova nirqaq. U billi naf li ebda attivita' fiżika sportiva ma tħajjarni u li jekk xi darba tarawni niġri fil-Parc ta' Buttes Chaumont jiġifieri li Norman Lowell issieħeb ma SOS Racisme u qed jishma l-Gnawa u kkonverta għall-Islam, qed nipprova niekol inqas u tajjeb. Nħobb ħafna l-ikel ġappuniż u tgħallimt nagħmel is-soppa miso.
Din hija r-riċetta. Mela xxarrab biċċa konbu (speċi ta' seaweed li r-riħa tagħha tfakkrek daqsxej fl-Msida) għal siegħa fl-ilma. Imbagħad saħħan l-ilma, qabel ma jagħli neħħi l-konbu u itfa' l-katsuo bishu (bonito flakes - li r-riħa tfakkarni vagament fl-ikel tal-ħut li kont nitma' lill-guppies li tant kienu għal qalbi meta ta' ħdax il-sena kelli aquarium). Meta l-ilma jagħli neħħi minn fuq in-nar. Ħalli kollox joqgħod. Għaddi kollox minn ġo passatur biex teħles mill-għalf tal-ħut. Issa għandek dak li jissejjaħ dashi. Taqtgħax qalbek meta tara l-kulur pjuttost marid ta' din iż-żlieġa. Erġa ibda għalli d-dashi u meta jibda jgħali itfa' ftit tofu mqatta' (it-tofu qatt ma fihmtu, imma l-konsistenza tiegħu togħġobni), neħħi minn fuq in-nar u itfa' xi erba' imgħaref miso li tkun ħallejt fi ftit mill-likwidu tas-soppa (il-miso huwa soja ffermentat). Itfa' ftit wakame' (speċi ta' seaweed imnixxef li tkun xarrabt ftit qabel). Qatta' biċċa kurrat, jef faqqiegħ, jew chives. Is-soppa lesta.

5.JOYCE
Bħalissa qed nisma' hafna 'l din. Kont naħseb li Joyce apparti kunjom ta' kittieb kbir kien biss isem ta' nisa ta' grocers ġewwa r-Rabat.

6 Comments:
ghandi hafna iktar fuq xiex neqred jien... imma ma nistax - issa nikteb fil-blogg ghalfejn ma nistax neqred fil-blogg.
veru tal-klima eh... is-sena li ghaddiet il-griz tax-xitwa belgjana ma ghamlitli xejn... din is-sena nizlitni down u mhux ftit... imma daqt jispicca Jannar tenkjubejbigijsis
hahahah I'm told it's called January Blues, ie it has a name and it's rather common, this feeling of loss and confusion... I can't wait for January to be over either but that's maybe because I'm travelling in February... I also think that once you make the first step and leave your home country it becomes a need to keep constantly moving :) "settling down" becomes scary and anathema
there's january blues and then there's february blues, in march it's blues all the way and april is a very blue month, while in May the skies are blue and in June I get very blue. The rest is pretty much more of the same.
Sandro, m'għadnix niekol tumpana.
Alex, trid nibaghtlek ricetta tat-tumpana?
minn dan is-sit (http://www.jazzitalia.net/VisEvento.asp?ID=11419) sibt din il-bicca informazzjoni:
'SANDRO ZERAFA, nasce a Malta nell?75, d?adozione francese all'età di 3 anni, considerato "Enfant Prodige" ottiene il diploma dall'Associate of the London College of Music, e successivamente....etc etc'
D'adozione francese all'eta di 3 anni?????????????????
Il-alla int ukoll sibtha dik. Milli jidher ha tibqa' tippersegwitani sa' l-ahhar ta' hajti dik il- frazi. Kif kont ghidt 'l gybex, dak li kitibha huwa is-sid ta' club gewwa firenze. Dan it-tip minn Puglia, ghandu sense of humour kemmxejn stramb, u fettillu joqghod ibabas mas-cv tieghu kif jiftillu....Kieku tkun tafu tinduna li ma tantx hi ideja tajba li xxellifa mieghu... u jien ma nsistejtx....
Post a Comment
<< Home