Tuesday, November 08, 2005

Sarko, Hermeto u l-imhabba

"Qed tara xi jġib il-multikulturaliżmu?"

Dan kien il-kliem ta' membru tal-familja tiegħi b'reazzjoni għall-bbqs sovversivi li bħalissa qed ilewnu l-iljieli Pariġini. U nixtieq nistieden 'l kull Malti li bħalissa bl-ikbar paranoja qed jittawwal mit-tieqa biex jara jekk il-Fiat Punto ma ġarbittx xi molotov cocktail minn ta' xi klandestin irrabbjat, biex jara sew l-affarijiet kif inhuma. Ghax nista' nimmaġina kif il-media bħalissa kapaċi jonfħu kull sentiment faxxist, speċjalment jekk isegwu l-linji ta' Le Parisien, TF1 jew M6.

Il-problema fis-subborgi hija ċirklu vizzjuż.
- Qabel ma jissieħeb ma' l-ANR, kull Malti suxxettibbli għall-xenofobja jew sentimenti ta' lemin estrem, għandu jkun jaf li n-nies li jaħarqu l-karozzi fis-subborgi huma minorita'.
- Il-ġenerazzjoni mitlufa ta' żgħażagħ tfal ta' immigranti bi kriżi t'identita' VERU teżisti.

Ix-xenarju tipiku - missierek kien jaħdem fil-fabbrika tas-Citroen wara l-gwerra, ghax il-Franza li kkolonjalizzatu kellha bżonn il-ħaddiema, u hu bahhar 'l hemm mill-Alġerija biex isib ruħu ġo pajsaġġ mimli torrijiet tal-concrete, nies ippakkjati fuq xulxin, fejn biex tmur Pariġi trid taqsam 4 egħlieqi tajn, taqbad karozza tal-linja u tistenna nofs siegħa għat-train li jmiss. Missierek għamel it-tfal. Il-fabbrika tas-Citroen għalqet. Int tikber f'ambjent 'batard' bejn l-Islam ta' missierek, il-couscous t'ommok, il-qgħad ta' madwarek, u l-Eiffel Tower li jidher il-boghod mill-15 il-sular tar-rabbit hutch li tgħix fiha. Il-ġenituri tiegħek jaħdmu bla waqfien, forsi ma tantx jagħtu kashek. Int minn dejjem tħossok stramb, għax l-unika darba li mort l-Alġerija tara lin-nanna, in-nies bdew jaghjruk li m'intx Għarbi. U meta s-sibt wara nofs in-nhar tmur sa Pariġi u tippasiġġa ħdejn Les Halles ħafna jħarsulek bl-ikrah, u meta tidħol ġo xi ħanut tad-diski, issib is-security agent idur ma' sormok. Franċiż m'intx. Tibda tintefa' ma' sħabek taħt it-torri A, l-iskola tiskartaha, tara xi daqsxejn MTV. Tinduna li faċli tagħmel il-flus billi tbiegħ xi daqsxejn ħaxixa. Imma dawk tat-torri B għandhom business sod għaddej. Int toħloq dinja tiegħek, ommok u missierek għajjenin wisq biex jieħdu ħsiebek. Id-dinja tiegħek hija t-Torri A, sħabek u l-ħolma mbiegħda li xi darba taħrab minn din il-purkerija. Id-dinja tiegħek hija wkoll dik tar-rap u l-vjolenza u l-gangs, li l-MTV tpoġġilek fuq platt kull darba li tixgħel it-televixin.

- LI XORTA MA TIĠĠUSTIFIKAX IL-FATT LI TAĦRAQ IL-KAROZZA TA' DAK LI JAQLA' L-iSMIC U LI QED IBAGHTI DAQSEK U FORSI IKTAR MINNEK.

- Tisma' l-ħin kollu b'każi ta' żagħżagħ li jgħixu f'dawn is-subborgi, li għandhom degree, imma għax ġejjin minn Aulnay-sous-Bois jew Sarcelles u għax jisimhom Rachid jew Samira, għadhom bla xogħol. Ċirklu vizzjuż. Is-subborg li tgħix fih huwa minsi. Ftit huma il-kumpaniji li ħa jinvestu hemm. Is-subborg li tgħix fih huwa stigmatizzat wisq. Xi erba idjoti jibdew jaħarqu l-karozzi. Il-media jkabbruha. Diskors is-sur Sarkozy ma jgħinx. Ikompli jipprovoka iktar. L-idjoti jkomplu jqażżuha.

Sadanittant int mhux talli m'għandekx xogħol, imma l-karozza ħarquhielek ukoll.


ISSA DAQSXEJN MUŻIKA


New Morning, it-2 ta' Novembru. Mort nara l-kbir Hermeto Pascoal, il-Django Bates Brażiljan, it-teddy bear albino Paulista. Il-grupp ta' Hermeto qishu workshop dejjem jevolvi, b'xi mumenti ta' self-indulgence tipika brażiljana, imma bi spontanjeta' li tagħmel din il-mużika ċelebrazzjoni tal-ħajja. Postcard kaotika tal-Brażil, il-bogħod mill-cliches. Kunċert li nibqa' niftakar.





FECAMP

L-imħabba did-darba żammitni 'l bogħod mit-tastiera tal-Powerbook.
(Fracchia la Belva Umana laħaq niżel kollu).
Fécamp, f'Normandy, mhux 'l bogħod minn Etretat. Hemmhekk għaddejt żmien mill-isbaħ, qalb oysters, calvados, granċijiet, bebbux tal-baħar u mara tal-ġenn.
Xi ġmiel.....

2 Comments:

Blogger gybexi said...

u min jaf kieku kont kiesah ta' 17-il sena hux jien ukoll qieghed nitfa l-molotovs... xiz-zobb ikolli x'naghmel filghaxija.

kien hemm wiehed qal 'harquli l-karozza u kitbuli nique ta mere sarkozy fuqha bl-ispray'... "mais ce n'est pas a Sarkozy qu'ils ont niqué... c'est a ma bagnole"

hux kollha conspiracy tar-Renault din biex jibdew jipproducu iktar karozzi?

rajtu fuq France3 kien hemm xi socjologu (dak bix-xalla rosa u bin-nuccali tad-DKNY) iparla kif il-karozza hi status symbol ghalekk tigi attakata... u zgur... forsi 30 sena ilu imma - taf xi status symbol fiha Citroen ta' l-1989...

3:22 PM  
Blogger Sandro Zerafa said...

Il-boredom nahseb l-ikbar problema ta' dawn iz-zaghzagh. L-ideja ta' subborg hija diga boring. SubBoring (skuzawni tal-pun hazina, ma flahtx). Kemm jekk ikun subborg glacjali ta' public housing stil La Haine, kemm ukoll jekk ikun subborg residenzjali stil Ken Park (Larry Clark). U l-kera tista' tibqa' toghla Parigi, imm l-peripherique m'iniex ha naqbizha...

1:14 PM  

Post a Comment

<< Home