Wednesday, September 21, 2005

Is-soundtrack għall-ħarifa

Bit-tqanżiegħ irnexxieli nerġa nidħhol fir-ritmu Pariġin. It-transizzjoni kienet iebsa, ir-reabilitazzjoni kienet għajjiena, u wara tliet ġimgħat nitnikker, Pariġi qabditni minn xagħri, refgħatni mill-inertia li kont qed nistaġna fiha, farfret is-sadid tan-nostalġija tas-sajf orġjastiku u issa nistgħu ngħidu li Sandro lest biex jaffronta il-kaos urban mingħajr trawmi koroh ħafna.
Is-sajf, l-għaġin bil-cozze, il-Magnum double chocolate u l-pinet Cisk jinstabu 'l bogħod. Issa... croissants, Coteaux de Languedoc, xi kebab kattiv ta' xi kultant, cafe' decaffeinated, u tartiflette.
U bħalma kont fassalt il-kolonna sonora għas-sajf, ħsibt f'waħda li tmur id f'id mal-griż xitwi li issa mhux beħsiebu jitlaqna sa qabel Mejju:

1.QAWMIEN
Bl-ikbar indeċiżjoni, massa xagħar tirxoxta minn taħt żewġ kutri. Is-sħab Pariġin ma tantx iħajjarni. Nintikker nofs siegħa oħra. Il-qawmien iebes....
Waqt li fil-boxer shorts, quddiem il-PowerBook niċċekja jekk Fracchia la Belva Umana niżilx, bil-kikkra decaff' f'idejja, Marisa Monte għaddejja fuq wara , timlini bit-tama . Barulhinho Bom, MPB eżiliranti...



2.QAWMIEN (TIENI PARTI)
Il-qawmien jissokta għand Akli, il-bar li fih sirt naf 'l Pariġi, jew aħjar... il-backwaters ta' Pariġi. Hawnhekk niġi biex naqra Libération u sabiex nosserva l-flora u l-fauna ta' Belleville. Fil-waqt li, quddiem il-gazzetta nistaqsi lili nnifsi għala s-sidien tal-bars Pariġini huma kważi kollha Berbers u ħafna minnhom jisimhom Akli, nilmah wieħed mill-ħafna barflies li jkunu lesti li jaħlulek dik l-isbaħ siegħa bil-philosophie du comptoir ta' ġiex xelini. Viva l-iPod u min ivvintah. Infittex niġri Splay ta' Jim Black AlasNoAxis u ngħoddos rasi fil-gazzetta....



3.FUQ IL-METRO
Sejjer rehearsal. Nieħu pjaċir nosserva n-nies fuq il-metro. Qed nisma' Armistice 1918 ta' Bill Carrothers, il-pjanist kbir minn Minneapolis. Imma xi accordionist Rumen jiġi jagħmel sabotaġġ fuq widinti u jkolli ngħolli l-volum fuq l-iPod. U nieħu l-okkażjoni biex nitlob lil kull akkordjonist Rumen li jekk beħsiebu jiġi Pariġi biex jagħmel karriera fil-metro - 1. ma jdoqqux/jimmasakrawx mużika ta' Edith Piaf 2. idoqqu mużika minn pajjiżhom 3. jekk jarawni nqarras wiċċi ma jeħdux għalihom imma jien l-accordeon NOBOGHDU!!!.




4.GĦAND FRANPRIX
Il-friġġ vojta. U mmur għand Franprix ta' Belleville, li, misteru, imma kull darba li mmur jien dejjem ikun hemm ġlieda. L-ispeakers ta' Franprix jobżqu pop Franċiż abominevoli mis-snin tmenin, li suppost jinkuraġġik biex tikkonsma iktar u bi tbissima. M'iniex ħa nħalli 'l Claude François jew 'l Michel Sardou jikkontaminawli widnejja, u fuq l-iPod nagħżel 'l Djavan - Alumbramento. Kbir Djavan. U noħlom fuq Frar li ġej, meta suppost sejjer il-Brażil, fil-waqt li ntella' u nniżżel jekk nixtrix Coteaux de Languedoc jew Cotes du Rhone, jew sempliċiment Heineken...



5.ILLEJLA MHUX XOGĦOL
Nieżla x-xita. Fracchia la Belva Umana fadallu 135Mb oħra biex jinżel. Illejla mhux ħiereġ. Noqgħod ġewwa ndoqq jew nara Mean Streets għall-ħames mitt darba. Waqt li qed nħejji l-ikla ta' llejla li tikkonsisti modestament f'soppa tal-qara aħmar, f'tentattiv inutli ta' dieta wara ġimgħa tħanżir, nitfa' 'l Ornette Coleman. New York is Now, ma' Dewey Redman. U Elvin Jones huwa Alla.



6.ILLEJLA XOGĦOL
Meta nkun ħa mmur indoqq, ma jkollix aptit nisma' mużika. Jew inkella xi ħaġa li m'għandha x'taqsam xejn mal-mużika li nkun ħa ndoqq. Waqt li ninduna li ma fadalli xejn x'nilbes, u ħa jkolli nistad fil-laundry bin għall-uniformi ta' llejla, nitfa' Voodoo ta' D'Angelo. Soul funk laid back slick porn groove ....(whatever that means).



7.LURA D-DAR
Morna tajjeb. Iċ-ċetaċeju qed jonħor mill-bogħod ("bogħod" fid-dimensjonijet tal-flats Pariġini tfisser ħames metri). Sakra modesta fuqi li titfagħni f'burdata ta' nostalġija. Niftakar f'xi mħabba ta' l-imgħoddi, f'xi mħabba oħra mhux daqshekk ta' l-imgħoddi. L-inħir insistenti tad-denfil ma tantx imur ma' dan is-scenario. U għalhekk nitfa' l-headphones u noħlom ma' Bill Evans. Sunday at the Village Vanguard. Noħlom bi tbissima.

5 Comments:

Blogger gybexi said...

l-iktar interessanti huma dawk fuq il-metro:

"excusez-moi de vous déranger mais..." umbghad tibda storja unlikely hafna li tinkludu dawn l-elementi:
1. m'ghandux access ghall-istatus ta' chomeur complet indemnisé fédéral (jew l-iSMIC kif inhi maghrufa Franza)
2. ghandu mill-inqas 4 itfal à charge
3. wiehed minnhom qieghed l-isptar St-Luc

gieli ssib wiehed ferm iktar eccentriku... darba telgha wiehed fuq it-tram liebes nuccali tax-xemx u suit tas-snin 70 u bagalja kollha tape (li kien jidher "mhux mohhu hemm") f'kwartier chic ta' Bxl (Louise) u qal li joqghod hemm u kien traduttur-interpretu u m'ghandux flus biex jghix... u beda jkanta diska (bi vjolenza u mibgheda ghall-hajja twahxek). Meta ma tantx tawh hafna flus in-nies, sar tant vjolenti verbalment li telghu l-pulizija ghalih. Kien l-iktar bniedem patetiku imma tal-biza fl-istess hin li qatt rajt f'hajti. Ara kif jispiccaw it-tradutturi-interpreti...

10:28 AM  
Blogger Sandro Zerafa said...

L-iktar wiehed surrejali li hemm fil-metro Parigin huwa probabbli dak li jigi jghid ir-rapport tat-temp. Kulhadd jara kif ha jdawwar lira. U ma ninsewx 'l dak li jigi jaqra il-poeziji ta' Apollinaire b'vuci operistika. Fil-Germanja kont ltqajt ma generazzjoni ta' buskers/tallaba/hobos li kienu jigu hdejk b'radio jghajjat fuq 'static' u ma jitilqux minn hdejk sakemm taghtihom xi haga. Jew jigu jonfhu fi strument li ovvjament ma jafux idoqqu, hsejjes abominevoli. Forma pjuttost sinciera ta' tallab. Speci tini xi haga inkella nibqa ndejqek.

12:24 PM  
Blogger david said...

Habib Taljan qalli li Napli hemm akkordjanist jdur ma' l-imwejjed tar-ristoranti li fuq daru ghandu bicca kartun b'dawn il-kliem:

"Se vuole che me ne vado 1 euro"

4:44 PM  
Blogger Mark Vella said...

nizzilt compilation ta' musica popular brasileira minn fuq l-Itunes...fosthom Marisa Monte u Djavan..u x-xoghol ghogobni...issa nifhem xi trid tghid...

1:19 AM  
Blogger Sandro Zerafa said...

Il-problema li dejjem insib fil-muzika braziljana hi li f'album tajjeb dejjem hemm cans issib dik it-track atroci bi hsejjes abonimevoli ta keyboards tas-snin tmenin, b'livell ta' bad taste li jikkwalifika ghal Eurovision jew San Remo. Fl-istess hin din l-inkonsistenza fit-"taste" insibha pjuttost "charming".

10:24 AM  

Post a Comment

<< Home