Cimex lectularius, jien u kriżijiet oħra....
1. Mument żgħir ta' introspezzjoni... navel-gazing ħa, issa li spiċċat buzzword eminenti fil-bloggosfera Maltija.
Bil-mod il-mod qed noqrob lejn it-tletin. Evalwazzjonijiet, dispjaċiri, neuroses varji u ċinturin adipose li jeħel miegħek b'ċens perpetwu, u jfakkrek li issa tard wisq biex tibda kull attivita' sportiva li ilek tippostponi ghal dawn l-aħħar għaxar snin. Forsi cliché din tat-tletin imma lili taffetwani ħafna.
Forsi xi reżonanza minn passat borgiż ta' ħajja fuq gżira fejn is-sedentariżmu iwitti triq biex ta' tletin int tkun bil-qiegħda komdu fuq kapital sostanzjali...Forsi l-passat ta' relazzjoni stabbli (li damet terz minn hajti) li jħares lejn il-preżent ċelibat bla direzzjoni....Forsi leħen il-ġenituri xi ftit diżillużi li jidwi f'moħħi b'dawk il-kelmiet li dejjem kexkxuni - "tissettilja", "tinvesti"...Forsi sempliċiment in-nuqqas ta' stabbilita' finanzjarja tal-ħajja li għażilt, u li f'dawk il-mumenti meta fil-kantuniera ta' Rue de Belleville jkolli nagħżel kebab u mhux sushi, iġġagħlni niftakar meta kont ngħallem l-Iskola tal-Mużika Belt Valletta u ċ-ċekk fl-aħħar tax-xahar.
U forsi dawn kollha ċuċati.
Ma nafx. Naf żgur li xahar ieħor (10 ta' Ottubru) beħsiebni nitħanżer u niċċelebra u nitmiegħek u niżżabel bħala umaġġ lil dawn il-kriżijiet. Festin kbir. U intom mistednin.
2. Waqt li kont qed nikkontempla biċċa Parmiggiano Reggiano enormi li ħabib tiegħi ġabli mill-italja, bdejt naħseb fuq ir-reliġjon. U kemm hija sors ta' tensjoni. U bdejt naħseb fuq dan wara li l-bieraħ rajt intervista mal-kittieb Maurice G.Dantec, li bħal Michel Houllebecq (tant għażiż għal blogger ieħor), għandu paranoia kbira fuq l-Islam. U jien li mdawwar bi ħbieb ateji, anti-klerikali f'pajjiż lajk, xi drabi nħares lejn l-għeruq kattoliċi (issa tant remoti) tiegħi u nistaqsi lili nnifsi jekk dawn humiex importanti għalija jew le. U meta nara li r-reliġjon illum iktar tifred lin-nies milli tgħaqqadhom, meta nara li minħabba xi wħud, miljuni jispiċċaw stigmatizzati, meta ninduna li qed ngħixu gwerra li jien ma rridx inkun parti minnha, ngħid lili nnifsi li r-reliġjon ħa nroddilha salib darba għal dejjem....
3. Minkejja l-ħafna OCDs ħfief li nbati bihom, u l-livell ta' ndafa domestika li għal ċelibat huwa pjuttost elevat, u minkejja saqqu ġdid, skoprejt ftit ilu, li fis-sodda tiegħi kienet qed titkattar popolazzjoni mdaqqsa ta' Cimex lectularius, punaises bil-Franċiż, u bl-Ingliż, BEDBUGS. Ma nafx minn fejn ġew. Ma nafx xi jridu minn għandi. Naf li jigdmu għal Alla.
U minħabba fihom kelli nabbanduna s-sodda tiegħi. Temporanjament, nispera. Sakemm il-Baygon mill-ahdar jagħmel l-effett tiegħu. F'burdata iktar paranoid kont forsi naħseb li l-preżenza tal-bedbugs hija xi cosmic joke fuq iċ-ċelibat, xi metafora metafiżika antipatka, bhallikieku s-sur Lectularius jixtieq jgħaddi xi kumment fuq il-vojt li hemm fis-sodda tiegħi minn xi ftit xhur ilu.....leeeeeee...lee

3 Comments:
xi naqra punaises, xi ftit cafards... l-insetti jridu jghixu wkoll tafx... tihom naqra minn dik il-blokka parmigjan fiha daqs Fiat Punto li gablek siehbek.
ejja, partage!
tridx naghmlu joint cyber party around the 20th of october? i will be 32 on the 31st u l-krizi tat-tletinijiet ilha li hakmitni xi tlett snin!
Nistghu, nistghu....
Sakra ta' veru, imma nippreferiha minn sakra virtwali :)
Post a Comment
<< Home