Sunday, August 21, 2005

Reminixxenzi (1)

Wara episodju qasir ġewwa l-Qawra, dik il-felula fuq sorm il-moqżieża Buġibba, fejn l-arja hija taħlita ta' dijossini li jitfewwaq il-Magħtab minn naħa u min-naħa l-oħra l-irwejjaħ infetti tal-miżibilju fish and chips u fried scampi li jaghlfu lit-turist lobotomizzat quddiem xi imitatur ta' Kenny Rogers, jien qabżitli. U mort ngħix il-Mellieħa għand ħabiba tiegħi. Kif għidt lil missieri, niġi Malta għal ħames ġimgħat, inkun irrid inħossni qiegħed Malta, mhux ġo xi public housing ġewwa Manchester. U l-Mellieħa sabiħa wisq. Rbatt qalbi ħafna ma' dan ir-raħal u mal-banda tal-każin bieb ma' bieb fejn kont noqgħod, li kull filgħaxija kienet taqbad xi arja minn xi opra, tpoġġiha fuq chopping board u timmasakraha b'mod li lanqas Django Bates ma joħlom bih. Xi ħlew. Kien sajf mill-isbaħ. Ħedonist, epikurjan, eċċessiv, imħanżer, eleganti. Is-sajf Malti m'hawnx isbaħ minnu. U issa li ninstab lura fuq il-kontinent taħt is-sħab tqil Pariġin, għandi aptit nitfa' diska sajfija ħamalla minn ta' Djavan u noqgħod inmaxtar in-nostalġija bil-kwiet.

Reminixxenzi.....

1. Tlugħ ix-xemx ġewwa l-Għadira fis-sitta w nofs ta' filgħodu. Pelegrinaġġ ta' ntossikazzjoni li beda ġewwa l-belt Valletta u kompla fuq it-triq tal-Kosta, serrep lejn il-Mellieħa b'xi waqfiet ġo bars dekadenti fejn iċ-ċappetti kienu abundanti u t-tequila ta' konsistenza dubjuża. Nispiċċa fil-bajja ta' l-Għadira. Ma nafx kif. L-isbaħ mument tal-ġurnata. Il-kuluri jidhru isbaħ mingħajr in-nuċċali, grazzi ghal moħxija għajnejja. Il-baħar ibenninini. Nogħdos u nintilef fi sħaba ta' mewġ, ċaflisa kaħlija. Il-ħemda ta' dawn il-ħinijiet tal-ġurnata kont insejt x'inhi.
Nitla' lura u ninduna li serquli l-basket bil-mobile, kartiera, nuccali u Lm60.
Ma ġara xejn....ma ġara xejn....

2. Brian Blade. 16 ta' Lulju. Malta Jazz Festival 2005. Ta' Liesse. Valletta. Meta titraxxendi kull definizzjoni ta' jazz, meta jidhirlek li quddiemek hemm xi ħaġa IKTAR milli mużiċisti tajbin ħafna, meta l-ġenerożita' u l-imħabba ta' dawn il-mużiċisti tmissek daqs il-mużika nnifisha, meta tifhem xi tfisser spiritwalita' fil-mużika wara snin ta' xettiċiżmu u biża mill-konnotazzjonijiet 'New Age' ta' din il-kelma, meta tisma' l-isbaħ ħoss li qatt smajt fuq id-drums, meta jaqbiżlek id-dmugħ u tgħid lilek innifsek li wara dan il-kunċert hemm bżonn tevaluta l-leġittimita' tiegħek bħala mużiċist....

3. Festin il-Mellieħa. L-hena tiegħi li mmur għand Connie tal-ħut, San Pawl il-Baħar, u nara x'joffru l-ibħra Maltin dik il-ġurnata. U dak in-nhar fassalt banquet ta' dimensjonijiet barokko-bakkanali - qarnit, cozze, vongole, king prawns, pagell, tonn...Nieħu pjaċir insajjar, inħawwar u nitma'. L-ikel tajjeb ċelebrazzjoni tal-ħajja.

4. Li tara f'liema stati tista' twassal lill-ħbiebek l-intossikazzjoni avvanzata. Meta l-inibizzjonijiet jaqgħu kollha f'daħna ta' għaraq, alkohol u assurdita'. Għeżież ħuti, dan huwa l-colocataire tieghi, is-Sur Degabriele, id-D, aka Golfinho, aka iċ-ċetaċeju, f'dawk il-mumenti meta ma jkunx qed imelles il-kuntrabaxx b'ħarsa solenni, f'dawk il-mumenti meta ma jkunx qed ikemmex moħħu quddiem l-iBook. Mela l-aħwa, accrochez-vous bien....



U għandi iktar minnhom dawn.....

11 Comments:

Blogger gybexi said...

Banana Degabriele-san!

8:46 AM  
Blogger Kenneth said...

Kont toqgħod il-pjazza hawn ir-raħal int, Sandro?

12:22 PM  
Blogger Sandro Zerafa said...

Triq it-tramuntana. Nahseb il-banda kienet dik ta' l-Imperial. Kont niehu pjacir wisq nismaghhom.

12:34 PM  
Anonymous facocerinha said...

facocero!

6:13 PM  
Anonymous inhobbuk sandro said...

2. Brian Blade. 16 ta' Lulju. Malta Jazz Festival 2005. Ta' Liesse. Valletta. Meta titraxxendi kull definizzjoni ta' jazz, meta jidhirlek li quddiemek hemm xi ħaġa IKTAR milli mużiċisti tajbin ħafna, meta l-ġenerożita' u l-imħabba ta' dawn il-mużiċisti tmissek daqs il-mużika nnifisha, meta tifhem xi tfisser spiritwalita' fil-mużika wara snin ta' xettiċiżmu u biża mill-konnotazzjonijiet 'New Age' ta' din il-kelma, meta tisma' l-isbaħ ħoss li qatt smajt fuq id-drums, meta jaqbiżlek id-dmugħ u tgħid lilek innifsek li wara dan il-kunċert hemm bżonn tevaluta l-leġittimita' tiegħek bħala mużiċist, meta tmur tara gig wara li tkun xrobt zewgt ifliexek chateau moussard u tkun pejjipt xi 54 zugrumbun.

7:17 PM  
Blogger Sandro Zerafa said...

Chateau Mussar, please, mhux moussard. Dak inbid Libaniz mhux Franciz. Plebeji...plebeji...

7:25 PM  
Blogger michelfisher34102720 said...

I read your blog, and i thought it was rather cool. check out My Blog
Please Click Here to view it

Have a great day.

10:50 AM  
Blogger Kenneth said...

Triq it-tramuntana. Nahseb il-banda kienet dik ta' l-Imperial. Kont niehu pjacir wisq nismaghhom.

Kont toqgħod fil-Mellieħa "l-antika" mela, qabel ma bdew jinbnew iż-żoni tal-lum xi 20 sen'ilu. Il-każin l-Imperial hu, kollu kemm hu. Nannuwi kien surmast tal-banda f'xi żmien, imma żgur li m'ilħaqtux għax ilu mejjet 40 sena.

Illum il-ġurnata li naf żgur li għadhom jibqgħu idoqqu bil-lejl huwa lejliet il-festa, imma f'dak l-istat ta' sakra (warm-up qabel il-marċ ta' fil-għodu), ninsab ċert li jkissru l-marċi brijjużi ferm iktar mill-arji ta' l-opri fi żmienek. Ġeneralment iwaħħlu sa xit-3am għaddejjin u jissieħbu magħhom tal-każin l-ieħor, biex żgur tkompli tagħqad.

M'għandniex xi ngħidu, il-birra tinxtorob bħall-fuel minn karozza ta' l-F1.

6:09 AM  
Blogger Kenneth said...

PS. Għall-Għadira, tniżżel xejn miegħek ħlief Lm 2 jekk jaqagħlek għal ġelat jew flixkun birra, xugaman, cover għan-nuċċali u ċ-ċavetta. Kollox ġo biċċa basket tal-plastik milli jtik tal-grocer.

Jekk tniżżel xi ħaġa iktar minn hekk, tkun serjament qed tilgħabha li la titla' mill-baħar, jekk ma tkunx qed tidgħi b'xi gidma ta' brama, iġagħluk tidgħi xorta waħda, kif sfortunatament ġara lilek.

Għas-sena d-dieħla ras...

6:12 AM  
Blogger Sandro Zerafa said...

Hanina madonna mhux fis-6 u nofs ta filghodu imma!

11:05 AM  
Blogger Kenneth said...

Illostja x'għaks!

1:32 PM  

Post a Comment

<< Home