Il-kultura tad-dwejjaq
Ftit ilu sibt ktejjeb ċkejken, relikwa minn tfuliti, il-bużnannu tal-blogg preżenti. Kelli relazzjoni pjuttost inkonsistenti ma' dan il-ġurnal. U meta nqalleb f'dawk il-paġni ta' angst, tgergir ġenerali u filosofija eżistenzjali à deux balles tad-dilettanti, nistaqsi lili nnifsi: imma jien veru kont imdejjaq?
F'dawk is-snin meta l-weekend idejali kien jibda Tal-Qroqq fil-Film Club, b'xi film ta' Tarkovski jew xi Ken Loach, fejn iktar ma kien ikun bleak iktar kien jinżilli għasel. Meta Sartre, Bukowski, Camus u Kafka kienu jżommuli kumpanija fuq tal-linja jien u sejjer lura lejn id-dar. Meta l-griż kien kulur favorit u meta kont naħseb li jekk immiss il-qiegħ ħa nifhem kollox dwar il-ħajja.
Illum xorta għadni nħobb 'l Tarkovski, Antonioni u Loach, forsi għal raġunijiet oħra . Ma nafx għala dak iż-żmien kont nassoċja d-dwejjaq mal-kreazzjoni artistika. Forsi kienet xi forma ta' ribelljoni kontra d-deżert kulturali Malti u kontra l-massa, u xtaqt inkun marġinali (hekk u hekk għażla ma kellix). Imma veru kont imdejjaq? Le. Ikolli ngħid li dak iż-żmien tant kont nigglorifika d-dwejjaq u d-dekadenza li "xtaqt" inkun imdejjaq, imma ma stajtx. Għax l-ambjent borgiż li tlajt fih qatt ma ċaħħadni minn xejn. U ma kellix għalxiex inkun imdejjaq, apparti mill-frustrazzjonijiet li jista' jiltaqa' magħhom l-elit liberali/krepuskolari/normali/ġenerali li jgħix fiċ-Chernobyl kulturali Malti.
Xi daqqiet naħseb li l-kult tad-dwejjaq u l-viżjoni romantika ta' l-artist huma idejat kattoliċi. Li fil-mentalita' tal-Punent it-tbatija hija neċessarja biex tilħaq kull għan. Ir-riżultat hu li mbagħad xi ħaġa ferrieħa u ħafifa ma taqax taħt il-kriterji ta' arti.
Illum naf żgur, per eżempju, li huwa ħafna iktar diffiċli tikkreja xi ħaġa ferrieħa/uplifting, milli xi ħaġa tad-dwejjaq.
B'dan il-ħsieb ħa nagħlaq dan l-ewwel staġun tal-bloggs.
Għada filgħodu lura lejn Malta. 5 ġimgħat ta' eċċess.
Ha nkun nghix il-Qawra, dak l-ispeċi ta' annex ikrah ta' Buġibba.
U x'hemm agħar minn Buġibba jekk mhux subborg ta' Buġibba?
Problema hi li ma nafx jekk ħa jkollix internet fil-flat, u sinċerament li mmur nibbloggja mis-Suncrest jew xi Qawra Tourist Complex ma tantx tispirani.
Nirringrazzja lil Toni, Kurt, Mark, Mario, D, Sharon, Alex, Twanny, Noel u Bertu li kuljum qrajt il-bloggs tagħhom, u oħrajn ovvjament.
Daqxejn pubblicita':
Jekk ma jkollkomx x'taghmlu kull nhar ta' Hamis filghaxija (inkluż illejla, l-14 ta' Awissu), aqbzu sal-Veċċja, San Pawl il-Baħar.
Inkun qed indoqq mas-City, D u Joe.
Għaddu. Għaddu.
Nixorbu tazza Rioja flimkien.
Jew tnejn.

5 Comments:
Jew tlieta...
Il-Veccja post sabih immens. Se nipprova nkun hemm, xbin!
L-14 ta' Lulju naħseb ridt tgħid.
nahseb hemm relazzjoni bejn "is-serjeta" u l-arti. kollox irid ikun serju - anke fis-sci-fi... kollox serju ser ikun fil-futur apparentement. Z-O-B-B-I!
Sandro, ghalaqt is-stagun b'mod tajjeb. Niehu gost nghidlek li dawk in-nies li ha jimissjawk jistaw minflokk jigu il-blogg gdid tieghi insprirat min tieghek, li jinstab fuq tabarramodiehoriehor.blogspot.com
Ghadni ma postajtx il-lewwel blog imma xaktarx nibda ghada. Mhux ha kun bil-Malti imma. F'ghoxx il-Malti. Bir-respett kollu, dejjem.
2. Brian Blade. 16 ta' Lulju. Malta Jazz Festival 2005. Ta' Liesse. Valletta. Meta titraxxendi kull definizzjoni ta' jazz, meta jidhirlek li quddiemek hemm xi ħaġa IKTAR milli mużiċisti tajbin ħafna, meta l-ġenerożita' u l-imħabba ta' dawn il-mużiċisti tmissek daqs il-mużika nnifisha, meta tifhem xi tfisser spiritwalita' fil-mużika wara snin ta' xettiċiżmu u biża mill-konnotazzjonijiet 'New Age' ta' din il-kelma, meta tisma' l-isbaħ ħoss li qatt smajt fuq id-drums, meta jaqbiżlek id-dmugħ u tgħid lilek innifsek li wara dan il-kunċert hemm bżonn tevaluta l-leġittimita' tiegħek bħala mużiċist, meta tmur tara gig wara li tkun xrobt zewgt ifliexek chateau moussard u tkun pejjipt xi 54 zugrumbun.
Post a Comment
<< Home