Sunday, June 19, 2005

It-talibani tal-bebop (2)

Il-mistoqsija nkejjuża li baqgħet tippersegwitani minn mindu bdejt indoqq il-jazz: Għal min qed indoqqha dil-mużika? Misantropu m'iniex, għalkemm xi kultant nistħajjilni qed indoqq mużika tal-misantropi. Drabi oħra, jidhirli li dawk kollha li jinstabu quddiemi bi tbissima ta' empatija falza, li nefqu 20 euros biex jiġu jismgħuni, u li ħallsu 6 euros ta' birra patetika, qegħdin hemm sempliċiment għax il-jazz x'imkien xi ħadd iddeċieda li huwa fenomenu ta' moda. U li tmur ġo jazz club, għall-borgiż, hija ritwal obligatorju u neċessarju, l-istess bħal ma tmur tara exhibition. Drabi oħra nkun qed indoqq ġewwa xi toqba fl-20 distrett, fejn il-birra tiswa 2 euros, fejn il-pubbliku huwa xellugi bohemiborgiż żagħżugħ, u jidhirli li ħadd m'hu qed jisma', kulħadd jgħajjat u l-kitarra tiġġieled kontra l-istorbju. Dak il-ħin ikolli aptit ninbidel ġo xi Thurston Moore u nbiċċrilhom widnejhom bil-feedback.
Paranoia, jew mhux qed jirnexxili niddentifika ruħi mall-pubbliku tiegħi?
Meta kont iżgħar il-fatt li l-jazz kien underground u mużika tal-minorita' kien jogħġobni. Dak iż-żmien kont ngħix Malta. Konna forsi għaxra nisimgħu il-jazz. Kont kważi naraha bħala mużika trasgressiva. Li kienet xi darba.

Imma m'għadiex.

Illum ngħix ġewwa pajjiż miżgħud bil-jazz festivals, fejn il-jazz jinstab fuq il-pedestall mqaddes tal-kultura sussidjata, 'l bogħod mis-siringi ta' 52nd Street fis-snin erbgħin.
Li hija ħaġa tajba wara kollox. Li l-kultura tkun sussidjata. Jien li Malti żgur mhux ħa ngerger fuq din.
Imma qisni m'iniex sodisfatt.
Għala l-'free jazz' per eżempju, li xi darba kienet mużika ta' protesta assoċjata ma' l-idejat tal-Black Power tas-snin sittin, illum spiċċat xi ħaġa elitista u ċerebrali u art farty? Speċjalment fl-Ewropa.
Għala l-'bebop', li fil-bidu kien xi ħaġa rivoluzjonarja u modernista, illum spiċċa 'codified' u użat bħala arma mill-ayatollahs puristi nostalġiċi kontra kull forma ta' moderniżmu? Speċjalment fl-Ewropa.
Xi drabi naħseb li l-artist ġewwa l-Ewropa jinstab komdu.
Il-kultura poġġejniha fuq pedestall.
L-arti sagra wisq.
Il-borgiż jirbaħ.
Meta mort New York, apparti li kissirt ħafna mitoloġiji dwar din il-Belt meqjusa minn ħafna bħala l-Mecca tal-jazz, rajt li hemmhekk il-mużiċisti inqas komdi, jaqalgħu inqas flus, sussidji ftit li xejn, imma hemm iktar dinamika u r-referenzi hemm qeghdin.
Ma rridx naqa' fil-cliche' li t-tbatija hija neċessarja għall-artist, imma naħseb li fl-Ewropa xi drabi tant l-arti għamilnieha sagra, lill-artist tant tajnieh kumdita', li l-arti qtilnieha u spiċċat aseptise'.

Issa isimgħu dan....

1 Comments:

Blogger alex said...

Kemm naqbel mieghek Sandro... ghandek ragun mitejn fil-mija... il-haga hi li dik il-kelma "kultura" imissha tigi abolita minn fomm l-artisti... l-arti tissahhah mill-oppozizzjoni li ssib ghaliha... ghalinqas hekk inhoss jien.

8:31 AM  

Post a Comment

<< Home