Saturday, June 11, 2005

Għarab....

Qed niftakar l-ewwel darba li kont mistieden niekol couscous għand Samira (mara ta' ħabib tieghi), u kemm kont identifikajt ruħi ma' din il-magrebina iktar milli mal-ħbieb kollha l-oħra Franċiżi li kelli dak iż-żmien. Fil-ġesti tagħha, fil-mod kif tmissek meta tkun trid tgħidlek xi ħaġa, fin-nuqqas ta' riti u kodiċi ta' politezza li dejjem rajthom mhux neċessarja, fin-nuqqas ta' ċerebraliżmu żejjed fl-argumenti tagħha. Dan kien ftit wara l-miġja tiegħi fuq il-kontinent.
Kont qed ngħix Lyon, tempju tal-borgeżija glaċjali kattolika Franċiża, u kapitali ta' l-ikel.

Qed niftakar ukoll fil-proprjetarju tal-flat fejn konna noqogħdu dak iż-żmien jien u l-ex, probabbli l-ikbar cliché karikaturali ta' borgiż li qatt rajt, b'żewġ 'garden gnomes' fil-ġardina tiegħu u salott kulur 'peach' (mmur lura fuq kliemi, din il-vulgarita' kitsch kollha kienet tikkwalifikah iktar bħala beauf milli borgiż). Insomma, dan darba kien qed jirrakontalna fuq it-tifla tiegħu, u kif kienu għamlu għaliha xi 'immigranti'. U mbagħad ħares lejna, u bl-ikbar eleganza qalilna li aħna differenti, 'immigranti' differenti minn dawk li attakkaw it-tifla tiegħu. (Xi ftit xhur qabel dan l-iblah t'Alla kien staqsieni jekk Malta hemmx ħafna 'idiots de village'; għax kien jidhirlu li f'pajjiż daqshekk żgħir u bil-ħafna konsangwinita' u inċesti varji li jġib miegħu dan iċ-ċokon, suppost hemm 'freak' f'kull kantuniera.)

Dak iż-żmien ma kontx naf ħafna fuq it-tensjonijet razzjali fi Franza, fuq Le Pen, fuq l-istorja twila ta' l-imigrazzjoni fi Franza, apparti minn 'La Haine' ta' Kassovitz . Ovvjament bħala Malti, l-ostilita' lejn l-Għarab ma kenitx xi ħaġa ġdida għalija. Imma billi missieri kien jgħallem l-Għarbi u kelli daqsxejn kuntatt ma' dawn in-nies, minn mindu kont żgħir minn dejjem kont naħsibha darbtejn qabel ma nemmen l-għajdut ta' "z-ziju kera flat lil-familja Għarbija u mesħu sormhom mal-purtieri u l-ħajt..."

Lyon hija belt Franċiża daqs kemm Marseille hija Għarbija. Ġewwa l-belt ma tantx issib kwartieri "popolari" u ta' immigranti. U hemm ċerta tensjoni bejn il-belt u s-subborgi tagħha. Subborgi bħal Venissieux, Vaux en Velin, li f'għajnejn ħafna Franċiżi simboli tad-delinkwenza u l-kriminalita' li ġġib magħha l-imigrazzjoni. F'għajnejja huma pjuttost simboli ta' urbaniżmu moħxi tas-snin sebgħin, u ta' kemm l-integrazzjoni kienet falliment f'ċertu bliet Franċiżi.

Pariġi mod ieħor. Għalkemm miżgħuda wkoll b'subborgi ta' dan it-tip, ġewwa l-belt l-istorja differenti. Meta wasalt Belleville sibt kwartier fejn Lhud Sefaradi Tuneżini jgħixu spalla ma' spalla ma' Magrebini, Afrikani maċ-Ċiniżi, Portugiżi mal-Franċiżi. Eżempju perfett ta' integrazzjoni? Ma nafx, imma fl-opinjoni tiegħi huwa wieħed mill-isbaħ inħawi f'Pariġi. Li huwa xhud tad-diversita' kulturali li ssib f'dan il-pajjiż.

U d-diversita' hija waħda mill-isbaħ affarijiet li tista' ssib ġo belt u ġo pajjiż. L-isbah affarijiet fid-dinja naħseb li ħarġu minn dak li hawn issejħulu 'metissage'. Fi kliem ieħor, taħlit, ta' demm, ta' popli, melting pot. U jaqbadni swied ta' qalb meta nara li issa li ġewwa Malta qed naraw erba' uċuh suwed "itebbgħu" il-pajsaġġ ileqq tal-bjudija kattolika tagħna, xenophobia kbira qed tahkimna. Wara kollox, nahseb li l-poplu Malti huwa wieħed mill-isbaħ eżempji ta' 'metissage' u minn dejjem rajt kuntradizzjoni kbira ġo Malti razzist.

4 Comments:

Blogger gybexi said...

stramba man - il-"bloggata" tieghek ghanda resonanzi mal-bloggata tieghi imma ippowstjajnihom fl-istess hin... kien hemm xi haga fl-arja frankofona tghid?

8:47 AM  
Blogger Sandro Zerafa said...

Ustja veru. Tghid il-blogg tal-wikkiel/kitttieb tal-kebabs ispiratna?

11:24 AM  
Blogger Bertu ta l-Angli said...

sandro u gybexi - ispirjatuni

8:00 PM  
Blogger wwwitchie said...

sandro, i see we have more in common than rosa passos... that track was great btw...

my first article for tabellina is going to be about race and i'm drawing on everything i'm reading for it :)

1:23 AM  

Post a Comment

<< Home