Filli tkun qed iddoqq ġo xi bar skwallidu miżgħud b'uċuh lewn in-nikotina fejn l-apatija u l-inertia jkunu laħqu metastażi u jeħlu miegħek daqs lega għaraq fl-eqqel ta' Settembru u inti biex ma titgħallaqx bil-kordi tal-kitarra tipprova tikkonvinċi lilek innifsek li dan huwa scenario adattat għall-mużika li qed tagħmel. Kwadru ta' Hopper bi script ta' Bukowski. U toħroġ minn hemm bi ħmistax il-euro u l-metro jkun spiċċa u tonfoqhom taxi.
Filli ssib ruħek ġo xi kamra ta' hotel tleqq, fis-seba' w għoxrin sular, fejn kważi kważi tistħi tuża l-kamra tal-banju, u l-irtubija tas-sodda tgħannqek u tiżgħel bik bi tjubija maternali. Dan kollu biex iddoqq xi nofs siegħa quddiem folla ġlekkijiet, Dom Perignon, foie gras u Chanel, u taqla' biżżejjed flus biex tħallas il-kera, il-kont tad-dawl, dak tat-telephone, u jifdallek biżżejjed għal flixkun Laphroaig u darbtejn sushi.
Filli ssib ruħek ġo xi sala ċkejkna mimlija pariġini kolti eruditi fejn l-apprezzament iktar jidher fuq it-tikmix madwar ix-xuftejn milli fiċ-ċapċip. Fejn tħossok rispettat, ismhek fuq xi poster, u tmur lura d-dar b'sodisfazzjon li għalkemm efemeru, jgħinek torqod tajjeb mingħajr ma jkollok bżonn tikteb xi blog bħal dak preċedenti. U tinsa kemm tkun tħallast għax mhux importanti..
Għalija dawn il-kuntrasti huma l-isbaħ ħaġa li hemm fil-ħajja ta' mużiċist, u ma nara l-ebda ġerarkija f'dawn is-sitwazzjonijiet. Kull waħda hija neċessarja għalija. Skiżofrenija li tgħinek iżżomm saqajk ma' l-art u drabi oħra tgħollik mas-sema.
L-għażla mużikali għall-llejla, Courage ta' Milton Nascimento mill-1968, li skond id-d mimli Scott Walkerisms.
(Dan l-aħħar ħsibt li qatt ma smajt ħaġa ħażina minn dak li sar bejn l-1965 u l-1969, f'kull stil)

0 Comments:
Post a Comment
<< Home