Wednesday, May 25, 2005

Tgergir

Lura fuq il-bloggosfera wara 4 t'ijiem Seoul.
Jetlag ikrah, ngħas kattiv, bagalja mitlufa.
Iktar ma nkun 'l bogħod minn art twelidi, iktar l-kriżi t'identita' timmanifesta ruħha ġo fija.
Niftakar li qabel ma tlaqt minn Malta, jien kont ingerger ħafna. Tgergir, fuq id-deżert kulturali ta' pajjiżi, fuq ir-riformi li xtaqt nagħmel fl-edukazzjoni li kieku l-affarijiet kienu f'idejja. Tgergir, fuq il-marda tal-Eurovision u fuq kemm nixtieq li l-poplu Malti jkollu iktar luċidita' u jqum fuq tiegħu.
Mhux li llum waqaft ingerger.
Mhux li llum m'għandix fuqhiex.
Imma meta ġejt hawnhekk ġieli kont insib ruħi ġo sitwazzjonijiet fejn kont inkun imdawwar b'ħafna nies minn pajjiżi differenti. U f'kuntesti bħal dawn, kont ninnota l-integrita' u s-sens ta' identita' ta' kull barrani u nqabbilhom ma' tiegħi.
U ndunajt li forsi kont ingerger wisq u forsi kont inmaqdar wisq 'l art twelidi.
U minn hemm bdejt nipprova nibni sens identita' b'saħħtu, biex speċi ta', iva, jien ukoll għandi biex niftaħar bil-pajjiż tiegħi. U waqaft ingerger u minflok, bdejt infittex. Infittex għal kull ħaġa li stajt inkun kburi biha bħala Malti.
Meta bdejt niżen l-affarijiet, indunajt li kien hemm iktar affarijiet li jdejquni milli li jogħġbuni. U kien jaqbadni d-dwejjaq.
Imma għidt lili nnifsi, id-dwejjaq ifisser li lil Malta nħobbha u nixtieqha tinbidel, għall-aħjar.
Il-mistoqsija li bdiet tittantani wara kienet, jekk jien iniex qed nagħmel xi ħaġa biex inbiddel 'l Malta.
Ma tantx. Fil-fatt tlaqt 'l hemm.

Illum sirt ngħid lili nnifsi, b'ton ottimist, li xi darba ġo Malta għad ikun hawn rinaxximent ta' identita' kulturali. Xi żmien għad toħroġ.
Xi mumenti oħra ngħid lili nnifsi li forsi, DIN hija l-identita' kulturali tagħna u qatt m'hi ħa tinbidel. Speċi ta' kawlata anglosassomediterranja b'togħma ta' dak kollu li setgħet tobżoq fuqna l-kultura MTV. Tinkludi wkoll il-Eurovision.
Jew forsi, le, dawn huma affarijiet efemeri. Fenomeni tal-moda. U taħt, x'imkien, hemm identita' Maltija tbaqbaq, u qiegħda tgħajjat biex toħroġ.
Nixtieq nemmen b'dan il-mod.
Għalkemm niddubita kemm il-Eurovision hija ħaġa efemera f'pajjiżna.
U xi kultant, ingerger.

5 Comments:

Blogger alex said...

forsi l-identita kulturali ta' persuna m'ghandiex x'taqsam ma' jekk ihobb lil art twelidu, jew huwa kburi b'art twelidu... l-identita hija sempliciment dik it-tieqa li minnha jista' jara minn fejn gej. nuqqas ta' identita hija biss nuqqas t'gharfien ta' l-gheruq tieghek.

10:58 AM  
Blogger Sandro Zerafa said...

Huwa veru. Imma minn dik it-tieqa xi drabi hlief cpar ma narax.

11:07 AM  
Blogger alex said...

forsi kif qed tghid int... dik l-identita maltija hija biss cpar issa. Il-klixes m'ghadomx jghoddu.

Jiena nghid ghalija, ma tantx hsibt fuqha din ta' l-identita... forsi ghax m'inix qed nghix barra, jew forsi ghax fl-ahhar mill-ahhar ma nhossnix Malti daqs kemm inhossni sempliciment persuna li tghix fid-dinja... forsi meta qed tghix fuq bicca blata facli tilludi lilek innifsek li inti bniedem tad-dinja u mhux ta' Malta biss... imbaghad tmur tghix f'belt barrani u tintebah li fil-fatt m'inti xejn hlief.... xiex?

11:18 AM  
Blogger Sandro Zerafa said...

Personalment l-ewwel darba li ħassejt il-bżonn ta' 'sense of belonging' kienet meta kont 'l bogħod minn pajjiżi. U forsi din il-kwistjoni ta' identita' kulturali hija ħaġa personali, li ma tikkonċernax 'l kulħadd. Ma nafx. Imma nħoss li identita' kulturali hija xi ħaġa li tgħinnek tittawwal fil-qiegħ tal-personalita' tiegħek. U difficli ma taghtix kasha.

4:40 PM  
Blogger alex said...

fuq dan naqbel. bhal meta tradizzjoni partikulari f'xi forma t'arti tghinek tittraxxendi lilek innifsek u t-tradizzjoni nnifisha. B'identita kulturali ghandek bazi minn fejn titlaq. Minghajrha minn fejn tibda?

8:26 AM  

Post a Comment

<< Home