Sunday, February 26, 2006

Aħjar bloggej f'idejk milli mija fl-eteru...

Jiena u ereżija ġo Pariġi.


Jiena, nigredo u san valentin ġewwa Malta.

Sunday, February 19, 2006

Grupp ġdid

Daqs ġimagħtejn ilu, kont fi studio biex nirrekordja dan il-proġett ġdid li tant huwa l-qalbi - kwintett ġdid ma' Yoni Zelnik (kuntrabaxx), David Georgelet (drums), David Prez (tenor sax), Olivier Zanot (alto sax).

Xi siltiet hawn taħt. Komposizzjonijiet huma tieghi:

1. Staring
2. White Russian
3. North Street

Monday, February 13, 2006

Malta Jazz Festival - Tmiem (2)

1. Ok. Issa ha nqazzizha. Imma ssaportuni daqsxejn ohra, jew ibqghu mexjin. Imma dan is-suggett ghal qalbi wisq. Iktar dettalji minn wara l-kwinti dwar is-sabutagg li sar fuq il-Malta jazz festival f'kumment anonimu li thalla fuq il-blog tad-d. M'ghandix hafna xi nghid. It-twegiba tad-D kienet bizzejjed. L-N'n'G, insomma, fil-missjoni taghhom biex jehilsu l-jazz festival mill-jasar tat-telf finanzjarju, u biex jibdluh f'Montreux Jazz Festival fil-Mediterran, irnexxielhom jeqirdu l-unika wirja annwali ta' muzika jazz. The Wailers, Alan Parson's Project, Blues Brothers..... IVA, nies ha jkollkom iktar zgur, imma nerga ninsisti - tibqghux isemmugh Jazz festival.

Tuesday, February 07, 2006

Raġuni oħra biex ma nersaqx iktar lejn art twelidi.....

Wara l-blog tad-D.

Il-jazz festival kien ifisser ħafna għalija. Ma tliftx jazz festival wieħed dawn l-aħħar ħmistax il-sena. Bdiet bħala sempliċi kurżita' fil-bidu. Ma kontx naf x'inhu jazz dak iż-żmien. Kienet kreatura stramba li kont qed nipprova nsib tarf tagħha.

U bdejt ninteressa ruħi. Bdejt nixtri d-diski. Bdejt nistudjaha din il-mużika. Billi ġewwa Malta l-unika opportunita' li nisimgħu jazz tajjeb kienet dak it-tielet weekend ta' Lulju f'Ta' Liesse, il-jazz festival kien sar importanti ħafna għalija. Fil-bidu ta' Frar kont immur inħabbat fl-uffiċju ta' l-organizzatur biex inkun naf min hu ġej Lulju li ġej.

Meta ddeċidejt li nsir mużiċist, kien minħabba l-jazz festival. Għadni niftakar l-enerġija li kien ikolli wara dak il-weekend. Dik is-sensazzjoni għadni nfittixha sa llum.


Meta daqqejt l-ewwel darba quddiem ħafna nies kelli tmintax il-sena. Kont eċitat ħafna għax kien il-palk tal-jazz festival. U dak iż-żmien kont għadni qed niskopri l-jazz. Kont intimidat ħafna li ħa ndoqq qabel Joe Lovano.

Meta ddeċidejt li nitlaq minn Malta, kien ukoll konsekwenza tal-jazz festival. Xtaqt li nkun f'post fejn stajt nitħallat ma' dawk il-mużiċisti li kont nara fuq il-palk f'Ta' Liesse. U jekk illum ninsab kuntent b'dak li għamilt dawn l-aħħar tmien snin ġewwa Franza, ma nistghax ma nirringrazzjax lill-jazz festival u lil Charles Gatt.

U meta, bil-kwartett li kelli hawnhekk ġewwa Pariġi, ġejt mistieden biex indoqq fil-Jazz Festival daqs tliet snin ilu, għalija kien unur kbir. Kien wisq iktar importanti għalija minn kull palk prestiġjuż li daqqejt fih hawnhekk Pariġi.

Meta kienu jiktbu xi ittra fuq it-Times kontra l-Jazz Festival, jien kont l-ewwel wieħed li kien jirrispondi. Kont sirt militanti ħafna dwar il-festival, għax kont veru kburi bih.

Meta kont niġi kull sajf u kont ngħallem għal xi ftit ġimgħat kont ninduna li l-jazz festival kien qanqal ħafna nteress qalb iż-żagħżagħ. Kienu ħafna li jċempluli biex jieħdu xi lezzjonijiet fil-jazz għax kienet ħakmithom dik ikl-kurżita' li kelli jien xi ħmistax il-sena ilu. U jien kont nitbissem.

U meta kont smajt bl-aħbar daqs xahrejn ilu fil-bidu kont kważi ħadtha biċ-ċajt. Imma meta saret uffiċjali, u meta rajt l-aħħar kumment li ħallewli fil-blog ta' qabel, qabadni ħafna dwejjaq.

-----------------

Il-jazz festival kien ifisser ħafna għalija.
U qed nitkellem fil-passat għax il-jazz festival M'GĦADUX.
Għax xi ħadd iddeċieda li m'aħniex qed nagħmlu biżżejjed qliegħ mil-jazz festival.
Għax xi ħadd ma fehem XEJN dwar xi tfisser kultura u edukazzjoni. U li l-edukazzjoni hija investiment. U li l-kultura m'għandha x'taqsam xejn ma' PROFITT.
Għax dak ix-xi ħadd ma fehemx li hu SUPPOST qed jgħin lill-kultura. U li l-MASSA u l-KULTURA mhux neċessarjament ikunu dejjem ħbieb.
U xogħlu HU li jqarribhom.

U ma fehemx li l-jazz ma tagħmilx qliegħ minnu.
U jekk trid tagħmel ħafna qliegħ WAQQFU mill-ewwel.

IMMA JEKK JOGĦĠBOK, jekk ħa tagħtih f'idejn xi ħadd li r-riferenzi tiegħu huma Elton John - issemihx iktar "JAZZ FESTIVAL".

------------------

Nostalġija apparti.....dal-pajjiż veru bla tama.

Thursday, February 02, 2006

Daqsxej' kultura, isa....

1. Kont ħlift li naġġornah regularment dal-blog. Imma hemm aħna, daqsxejn xogħol iktar mis-soltu u l-blogg spiċċa sporadiku daqs id-djalogu ġewwa film ta' Antonioni. U qed insemmi 'l dan għax il-bieraħ bqajt imqajjem sat-tlieta w nofs ta' filgħodu biex nara L'Eclisse. Kont ili ma nara film ta' Antonioni u kont qed nibża' li ħa jdejjaqni, għax inqtajt daqsxejn mill-Antonionis, Bergmans u Tarkovskis ta' żmien il-film club meta kont l-universita'. Spiċċa għoġobni ħafna. M'għandix aptit ninfexx f'xi riċensjoni reminixxenti ta' Salvu Catania, mhux stil tiegħi. Imma qisni niddentifika ruħi ma' dan iċ-ċinema, u għalkemm glaċjali u pessimist nara ħafna umaniżmu fih. U Monica Vitti mara ta' l-ustja.


2. Din l-aħħar ġimgħa kont okkupat mal-kwartett ta' Nico Gori, proġett li huwa għal qalbi ħafna. Hawn taħt hawn xi siltiet minn recording li għamilna t-tnejn li għadda, wara tliet kunċerti li veru ħassejna li morna tajjeb.

1. 1903
2. Goose

Iktar recordings ma' gruppi differenti fil-jiem li ġejjin.
Iktar siltiet fil-bloggijiet li jmiss.

Tuesday, January 10, 2006

Bħalissa m'għandix aptit nisma' ġazz

1.QRID #145
U xi drabi dik l-għanja perennjali ta' qrid eżistenzjali terġa' tfiġġ....
Biex tfakkarni li l-ħajja m'hijiex daqshekk sempliċi wara kollox.
Biex tistaqsini jekk posti hux veru hawnhekk, f'belt li jien ma tantx niddentifika ruħi magħha, għalkemm ma nistgħax ngħid li jien imdejjaq lanqas.
Biex tfakkarni li m'għandix nissottovaluta l-klima ta' pajjiż u ma noħodhiex bi kbira jekk is-sħab griż pariġin li nilmah kull filgħodu jqabbadni l-biki.
U biex tgħidli li forsi hemm bżonn li nagħżel triq, mhux noqgħod nitbandal bejn ħajja austere ta' mużiċist li jdoqq mużika daqsxejn oskura li ma tantx tappella għal ħafna nies, u dik il-ħajja ta' xalar epikurjan ħedonist. Żewġ ħajjiet li forsi ma jmorrux id f'id xulxin, la finanzjarment lanqas fl-ideoloġija.
Jew forsi nsib kompromess ħa.

2.MUŻIKA
U bħalissa m'għandix aptit nisma' ġazz. Wara snin ta' walkmen, discmen, u issa iPod, xi 400 CD u 30Gb mp3s, widnejja qed jistaqsu għal xi ħaġa ġdida. U fil-fatt bħalissa ħlief soul, funk u brażiljan m'iniex nisma'. Issa qisni qsamt l-mużika f'żewġ familji - 1. mużika efemera, li għalkemm tkun veru tajba, ġeneralment wara ġimgħatejn smigħ frenetiku tqażżek u titfagħha fuq l-ixkaffa, tevapora fil-kontemporanjeta' tagħha. Li huwa l-każ ta' l-aħħar album ta' Uri Caine - Shelf Life (mit-titlu qishu fehem kollox is-sur Caine) -2. mużika li titraxxendi kollox, kull perjodu, kull epoka, kull trend, u li qatt ma xxebbgħak, li tikkorespondi għall-kull ħin tal-ġurnata, kull burdata. U l-lista tiegħi tinkludi 'l Thelonious Monk, Led Zeppelin, Miles Davis, Bill Evans, u hija pjuttost twila. Imma Monk u l-kumpanija bħalissa jistgħu idumu jħabtu fuq il-bieb ta' barra, għax il-playlist hija okkupata minn Sly Stone, Earth Wind and Fire , Joyce, Dori Caymmi.


3.PROĠETTI
Fl-aħħar ta' dax-xahar għandi tliet recordings bi tliet gruppi differenti. Recording ġdid tal-kwintett ġdid fjamant tiegħi b'kompożizzjonijiet ġodda. Direzzjoni ġdida pjuttost ferrieħa, "mużika ottimista xi drabi spastika" nsejħilha jien. Dal-grupp qed inżanżnu bil-mod darba kull ġimagħtejn f'dal-post jishmu les 2 singes (iż=żewġ xadini) għal min jitħajjar jiġi. Birra m'hiex għolja - 2E50 u sid il-post ġieli jitbissem. Recording ieħor mal-grupp ta' Nico Gori, jekk jirnexxielna naghmluha sa l-istudio, għax meta s-sur Gori jkun f'dawn l-akkwati ikollna nfasslu redefinizzjoni tal-kelma "ħedoniżmu". U fl-aħħar recording ieħor ta' proġett ġdid ta' mużika brażiljana strumentali, chorinho, baiao u dan-nejk, ma' rhythm section mill-ifjen. Intella' xi wħud fuq dal-blogg la jkunu lesti.

4.SOPPA MISO
Qed nipprova nirqaq. U billi naf li ebda attivita' fiżika sportiva ma tħajjarni u li jekk xi darba tarawni niġri fil-Parc ta' Buttes Chaumont jiġifieri li Norman Lowell issieħeb ma SOS Racisme u qed jishma l-Gnawa u kkonverta għall-Islam, qed nipprova niekol inqas u tajjeb. Nħobb ħafna l-ikel ġappuniż u tgħallimt nagħmel is-soppa miso.
Din hija r-riċetta. Mela xxarrab biċċa konbu (speċi ta' seaweed li r-riħa tagħha tfakkrek daqsxej fl-Msida) għal siegħa fl-ilma. Imbagħad saħħan l-ilma, qabel ma jagħli neħħi l-konbu u itfa' l-katsuo bishu (bonito flakes - li r-riħa tfakkarni vagament fl-ikel tal-ħut li kont nitma' lill-guppies li tant kienu għal qalbi meta ta' ħdax il-sena kelli aquarium). Meta l-ilma jagħli neħħi minn fuq in-nar. Ħalli kollox joqgħod. Għaddi kollox minn ġo passatur biex teħles mill-għalf tal-ħut. Issa għandek dak li jissejjaħ dashi. Taqtgħax qalbek meta tara l-kulur pjuttost marid ta' din iż-żlieġa. Erġa ibda għalli d-dashi u meta jibda jgħali itfa' ftit tofu mqatta' (it-tofu qatt ma fihmtu, imma l-konsistenza tiegħu togħġobni), neħħi minn fuq in-nar u itfa' xi erba' imgħaref miso li tkun ħallejt fi ftit mill-likwidu tas-soppa (il-miso huwa soja ffermentat). Itfa' ftit wakame' (speċi ta' seaweed imnixxef li tkun xarrabt ftit qabel). Qatta' biċċa kurrat, jef faqqiegħ, jew chives. Is-soppa lesta.


5.JOYCE
Bħalissa qed nisma' hafna 'l din. Kont naħseb li Joyce apparti kunjom ta' kittieb kbir kien biss isem ta' nisa ta' grocers ġewwa r-Rabat.

Friday, January 06, 2006

Is-sena t-tajba



Kif intemmet is-sena?
Diċembru : xi punti ewlenin (ewlenin fit-trivjalita' tagħhom ukoll) -

1. Wara majjalata ostri-kaprina (gajdriet u ġobon tal-gidi) mal-gybex u Anita, li ġew iħufu fl-ilmijiet ta' Belleville, u li tant ħadna pjaċir bihom, irħejtilha lejn l-iskoll (maċ-ċetaċeju) fejn għaddejt ġimagħtejn mill-isbaħ fil-kenn ta' dar fl-għoljiet tal-mellieħa.

2. Għand is-Serkin, aka Crystal Palace, Rabat, Malta wara mixja bla bidu sens u tmiem, taħt sema ċlampu u toqol ta' arja kważi tropikali. HI quddiem té ponta zokkor ħalib tal-bott, jien quddiem kinnie sħun u erba' piżelli, u flimkien nagħmlu l-crossword ta' l-Orizzont.

3. Għawdex. Nintilfu fil-wied ta' San Blas. Qalb ħafna tajn u żlieq ninduna kemm Pariġi ħxietli r-relazzjoni tiegħi man-natura, u kemm inbati meta taħt sieqi ma jkunx hemm bankina jew tarmac.

4. Festin il-mellieħa b'tema 'vaga' ta' staff party/ikla tax-xogħol, fejn it-tema tant kienet vaga li seħibna ċ-ċetaċeju u d-dulċi meta tiegħu BISS ġew lebsin (evidenza fotografika ta' dan l-avveniment iktar tard fuq dan il-blog). Id-d kien liebes qishu teacher tal-history fil-bidu tas-snin tmenin. Il-mużika Earth, Wind and Fire, Curtis Mayfield u Sly u ħammallaġnijiet oħra simili. Xi pjaċir.

5. Foie gras kilt kemm trid hawnhekk ġewwa Franza, imma l-ewwel darba li kilt wiżżu (wiżż? ikkoreġuni ja tradutturi) kellha tkun Malta, speċifikament il-Mellieħa. Pjuttost xaħmi l-wiżż.

6. Ftira m'għand is-Sufu (Mellieħa erġajna) - bl-obligatorju té tnejn zokkor ħalib tal-bott u waħda mill-isbaħ veduti f'Malta.

7. L-isbaħ reżoluzzjoni li qatt għamilt fl-ewwel tas-sena (u HI ħajritni) - LI DAQSHEKK IĊĊELEBRAJT L-EWWEL TAS-SENA.